Jinżammu arrestati wara li aggredew uffiċjali tal-Enemalta u Pulizija fuq smart meter

Raġel ta’ 49 sena u ibnu ta’ 23 sena kienu akkużati li aggredew pulizija u żewġ uffiċjali tal-Enemalta waqt li kienu qed jiċċekkjawlhom l-ismart meter li hu mifhum li kien imbagħbas.
L-inċident seħħ nhar il-Ġimgħa filgħodu meta ż-żewġ uffiċjali marru biex jiċċekkjaw smart meter f’ħanut fil-Pietà.
F’attentat biex iwaqqfuhom milli jiċċekkjawh, sid il-ħanut u missieru allegatament imbuttaw lill-pulizija u attakkaw lill-uffiċjali. Riżultat ta’ dan, wieħed mill-uffiċjali spiċċa bi ġrieħi gravi.
Fil-Qorti it-tnejn li huma sostnew li mhumiex ħatja. It-talba għall-ħelsien tal-irġiel ma ġietx aċċettata u l-irġiel qed jinżammu taħt arrest.

Reazzjoni GWU u POU
Il-General Workers’ Union ikkundannat bla ebda riżervi l-attakk li seħħ fuq impjegati tal-Enemalta u l-pulizija li kienu qed jagħmlu dmirhom. Sostniet li f’ebda każ mhu ġustifikat l-użu tal-forza fiżika la biex wieħed jirbaħ argument u lanqas biex isostni l-pożizzjoni tiegħu.
Qalet ukoll li din mhix l-ewwel darba li ħaddiema u uffiċjali pubbliċi spiċċaw vittmi ta’ attakk fiżiku waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-GWU kif ukoll il-Unjin tal-Pulizija affiljata magħha, il-POU, sostnew li l-pubbliku għandu jagħraf li l-ħaddiema u uffiċjali pubbliċi ma jkunux qed iwettqu xogħlhom b’kapriċċ jew b’ostilità iżda għax hekk ikun ordnat lilhom.