Jinżamm taħt arrest wara li darab lil sid ta’ ħanut

Read in English.

Raġel li tressaq il-Qorti akkużat li lbieraħ darab lil sid ta’ ħanut f’San Pawl il-Baħar baqa’ jinżamm taħt arrest.

And Al Salam el Adaw Mahmud ta’ 44 sena mill-Palestina u li jgħix San Pawl il-Baħar stess tressaq il-Qorti llum. L-Ispettur tal-Pulizija Godwin Scerri qal li l-inċident seħħ il-Ħadd 28 ta’ Ġunju għall-ħabta tad-9.30am fi Triq Isouard. Hu spjega kif Mahmud daħal fil-ħanut ta’ Wagih Yousseff Awad u beda jargument miegħu. Dan spiċċa sabiex ġie fl-idejn mas-sid tal-ħanut u darbu b’arma taqta’ u bil-ponta.

Il-vittma sofra minn ġrieħi gravi u għadu qed jiġi trattat fl-isptar. Il-Pulizija qalet li l-inċident inqabad ukoll fuq il-kameras tas-sigurtà.

Intant, hemm każ ieħor fil-Qorti fil-konfront ta’ Mahmud fejn ukoll qed jiġi akkużat li darab persuna oħra.

L-akkużat wieġeb mhux ħati, madanakollu t-talba għall-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma ntlaqgħetx.