Jinżamm taħt arrest wara li darab 3 persuni

Arkivji

Raġel ta’ 36 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kkawża ġrieħi żgħar fuq tliet persuni li kellhom jagħtuh xi flus.

Il-każ ġara nhar il-Ġimgħa fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’Tas-Sliema, meta l-Libjan mar sabiex iġib il-flus li kien silef lil tliet Żvediżi. Dan wassal għal argument fejn ġew ikkawżati xi ġrieħi lit-tliet Żvediżi kif ukoll ħsarat tal-propjetà tagħhom.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ma kienx qed jaġixxi waħdu, madanakollu l-identità tal-kompliċi għadha mhix magħrufa. L-akkużat irrifjuta li jagħti aktar informazzjoni lill-Pulizija rigward l-identità.

Għaldaqstant, il-Maġistrat irrifjuta l-ħelsien proviżorju minħabba li l-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każ separat u b’hekk kiser il-kundizzjoni imposta fuqu, li ma jwettaqx att kriminali ieħor.

Il-prosekuzzjoni sostniet li waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, l-akkużat qal li jrid iġib flusu lura. Qal li jekk jinħeles se jagħmel minn kollox biex dawn ikunu għandu.

Id-difiża sostniet li l-akkużat ma kienx qed jgħid li se juża vjolenza imma li kien se jieħu l-passi legali neċessarji biex jiġbor flusu lura.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.