Jinżamm Monte Karmeli r-raġel li aggredixxa kantanta

Il-Libjan ta’ 37 li qed jiġi akkużat li pprova jisraq il-basket tal-kantanta Mikaela Attard, filwaqt li aggreddieha b’sikkina reġa’ ntbagħat Monte Karmeli sakemm tinqata s-sentenza.
Dan minkejja li t-Tnejn filgħaxija rnexxielu jaħrab mill-isptar għal ftit sigħat sakemm reġa’ nqabad mill-Pulizija.
Ilbieraħ, ir-raġel beda jargumenta mal-Pulizija li kienu għassa miegħu u ta’ daqqa ta’ ras mal-kanċell taċ-ċella. Meta kienet qed tissejjaħ l-assistenza huwa prova jikkawża aktar ġrieħi fuqu nnifsu billi dawwar qalziet tat-track suit ma’ għonqu.
Fuq messaġġ li ħalliet fuq Facebook, il-kantanta Mikela Attard qalet kif waqt li hi u ħabibtha kienu qed jistennew għall-affari tagħhom quddiem stabbiliment f’San Ġiljan, raġel aggredieha u saħansitra poġġielha sikkina ma’ għonqha sabiex jisraqilha l-basket. Ir-raġel kien akkumpanjat minn raġel ieħor li rnexxielu jaħrab.
Minkejja li l-avukat tad-difiża talab il-pleġġ tar-raġel, il-prosekuzzjoni fakkret li l-akkużat kien għadu kif ħareġ mill-ħabs f’Diċembru li għadda wara li fl-2015 weħel sentenza ta’ tliet snin ħabs.
Għaldaqstant il-Libjan li qed jingħad li kien militant ta’ Gaddafi, reġa’ ntbagħat Monte Karmeli, abbażi ta’ ċertifikat mediku ppreżentat il-Qorti, fejn se jiżdiedu s-sorveljanzi fuqu sabiex jassiguraw li ma jerġax jaħrab.
Fiż-żmien li ġej se jkomplu jinstemgħu xi xhieda oħra.