Jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli r-raġel li attakka lil mara fil-Belt Valletta

Miguela Xuereb

Ir-raġel li attakka lil mara fil-Belt Valletta l-ġimgħa li għaddiet ċaħad li għamel dan, u se jinżamm l-Isptar Monte Karmeli.

Ir-raġel ta’ 36 sena mis-Siġġiewi tressaq il-qorti llum wara li ġie arrestat mill-Pulizija għax il-ġimgħa li għaddiet aggredixxa Żvediża ta’ 26 sena li kienet qiegħda tixxemmex fiż-żona magħrufa bħala l-Fossa.

Huwa nqabad mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà.

Fil-qorti huwa ċaħad li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ngħata fuq każ ieħor, wara li l-uffiċjal taż-żmien tal-prova tiegħu qal lill-pulizija li r-raġel tilef żewġ appuntamenti fuq xulxin.

Il-mara tkellmet dwar il-każ tagħha mal-ġurnal Times of Malta. Spjegat kif hi kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-mowbajl meta r-raġel avviċinaha. Qalet li dan kellu xibka f’idejh u qalilha xi ħaġa dwar is-sajd. Hi qalet lir-raġel biex iżomm id-distanza minnha minħabba l-pandemija u taha daqqa ta’ sieq f’wiċċha u attakkaha b’mod vjolenti.

L-Avukati tad-Difiża Franco Debono u Marion Camilleri qalu li l-akkużat ta spjegazzjoni ċara lill-pulizija ta’ x’ġara. Huma talbu li l-akkużat isirlu eżami psikjatriku u li jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dan, u l-Maġistrat Neville Camilleri appunta espert sabiex jeżaminah.