Jinżamm arrestat żagħżugħ akkużat li kkorrompa tfajla taħt l-età

Żagħżugħ qed jinżamm arrestat taħt akkużi li għamel atti sesswali ma’ tfajla minuri.

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena li l-Qorti ordnat divjet fuq ismu wieġeb mhux ħati li kkorrompa lit-tfajla ta’ 14-il sena u wettaq atti sesswali magħha. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet li imponietlu l-Qorti f’każ ieħor.

L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat li t-tfajla fetħet qalbha mal-ġenituri tagħha u qaltilhom kif iltaqgħet mal-akkużat online, u hu stedinha d-dar tiegħu. Fil-qorti nstema’ wkoll kif missier l-allegata vittma bagħat messaġġi ta’ theddid lill-akkużat meta sar jaf u ġie interrogat mill-pulizija.

It-tfajla ġiet eżaminata mit-tobba tal-Isptar Mater Dei, u għaddejja inkjesta dwar dan il-każ.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi u l-avukat tad-Difiża talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti rrifjutat din it-talba. Il-Maġistrat Charmaine Galea wkoll għamlet rakkomandazzjoni li fil-faċilità korrettiva, iż-żagħżugħ jingħata għajnuna mill-professjonisti peress li jsofri mid-dipressjoni.

Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tfajla u qrabatha.