Jinżamm arrestat wara sewqan perikoluż biex jaħrab lill-pulizija

Żagħżugħ li saq b’mod perikoluż biex jaħrab lill-pulizija wara li wettaq serqa f’Marsaxlokk baqa’ jinżamm taħt arrest.

Iż-żagħżugħ ġie akkużat li seraq oġġetti li jammontaw għall-valur ta’ €2,329.37 minn residenza. Hu nqabad mill-Pulizija jagħmel u-turn perikoluża u jibqa’ jsuq minkejja d-dawl aħmar fl-20 ta’ Ġunju.

Il-Qorti semgħet kif il-pulizija segwiet lill-akkużat sa Santa Venera fejn eventwalment waqaf. Wara tiftix fil-karozza tiegħu, l-uffiċjali tal-pulizija sabu xi flus barranin, basket ta’ ħwejjeġ ta’ valur għoli u fwieħa. Il-pulizija mbagħad għamlu l-konnessjoni wara rapport li sar minn koppja f’Marsaxlokk li qalet li l-appartament tagħhom ġie misruq.

Aktar tard, ir-raġel qal li l-fwieħa li nstab fil-karozza tal-akkużat kien rigal li kienet xtratlu l-mara.