Jinżamm arrestat wara li ta daqqiet ta’ mqass

Raġel ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li ta daqqiet ta’ mqass lil mara li fil-fehma tiegħu kienet qiegħda tieħu filmat ta’ grupp ta’ nisa f’Bormla.

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni qalet li allegatament il-vittma kienet qiegħda titkellem fuq il-mowbajl tagħha meta waħda mit-tliet nisa akkużatha li kienet qiegħda tieħu filmat tagħha u ta’ sħabha. Żied li l-akkużat daħal fl-argument u ta xebgħa lill-vittma bl-imqass li kellu f’idu.

Apparti l-akkuża li kkawża ġrieħi gravi lill-vittma, li kkawża ħsara fuq ġisem il-vittma u kkawża biża’, l-akkużat kien akkużat ukoll li kiser il-paċi, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħalesien mill-arrest fuq każ ieħor u li huwa reċediv.

Min-naħa tiegħu l-avukat tad-difiża qal li l-klijent wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan bl-argument li l-akkużat kien ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq allegat reat ieħor u kien kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tiegħu l-avukat difensur qal li l-ksur tal-ħelsien mill-arrest huwa suġġettibbli dwar jekk jinsabx ħati jew le

Min-naħa tagħha l-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-ħelsien mill-arrest u r-raġel se jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin