Jinżamm arrestat wara li ta daqqa ta’ sikkina lil kuġinuh

Raġel baqa’ jinżamm taħt arrest wara li ġie akkużat bl-attentat qtil ta’ kuġinuh. Fil-Qorti llum, ir-raġel ta’ 58 mill-Għargħur ġie akkużat li ta daqqiet ta’ sikkina lil kuġinuh ta’ 74 sena, wkoll mill-Għargħur wara argument dwar il-kera.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn ġie akkużat ukoll li ġarr sikkina mingħarj permess tal-Pulizija u li użaha biex iwettaq reat. Ir-raġel li huwa impjegat tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi allegatamet ta erba’ daqqiet ta’ sikkina lil kuġinuh nhar l-Erbgħa. Il-vittma sofra ġrieħi f’idu x-xellugija u f’żaqqu.

Skont l-avukati tad-difiża, l-imputat kien ġie aggredit u kien saħansitra rrapporta lill-vittma lill-Pulizija fil-passat. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ntalaq il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan hekk kif sostniet li r-raġel wettaq attakk vjolenti meta ma kienx provokat.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-inċident inqabad kollu permezz ta’ filmati tas-CCTV. Fil-filmati dehret terza persuna li jidher li huwa bennej li jaħdem fil-viċinanzi.

Il-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest sakemm tinstema’ x-xhieda tal-vittma.