Jinżamm arrestat wara li pprova jispara lit-tfajla fl-Isla

sparatura Isla
CMRU

Read in English.

Żagħżugħ qed jinżamm arrestat wara li pprova jispara lit-tfajla tiegħu fl-Isla ftit tal-jiem ilu.

Iż-żagħżugħ ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea lbieraħ dwar il-każ li seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn fi Triq iż-Żewġ Mini.

Huwa mifhum li huwa spara lit-tfajla tiegħu, imma din irnexxielha taħrab u sas-seduta lbieraħ kienet għadha ma nstabitx, u l-investigaturi kienu għadhom ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt magħha biex jitolbuha titla’ tixhed.

L-akkużat instab mill-pulizija wara li saq minn fuq il-post wara l-argument li kellu mat-tfajla. Il-pulizija saru jafu bil-każ għax irċivew telefonata fuq l-isparatura li nstemgħet. Ġol-karozza tal-akkużat instabet pistola, lembuba tal-ħadid u madwar €18,700 flus kontanti.

L-Ispettur Clayton Camilleri mill-Prosekuzzjoni qal li nstabet balla ġo ħajt qrib fejn seħħ il-post.

L-akkużat, rappreżentat mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, wieġeb mhux ħati li hedded u attakka lill-mara, li kellu arma bla liċenzja fil-pussess tiegħu, li ġarr l-arma waqt li kkommetta reat kontra dil-persuna, li spara l-arma f’żona residenzjali u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Id-Difiża talbet li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest imma l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan u fakkret li fadal min jixhed.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ddeċidiet li l-akkużat għandu jinżamm arrestat peress li l-allegata vittma għadha trid tinstab mill-Pulizija sabiex tixhed fil-każ.