Jinżamm arrestat wara li nqabad jitraffika d-droga minn Malta għal Għawdex

Ritratt: CMRU

Raġel ilbieraħ filgħodu kien arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra Droga, wara jiem ta’ osservazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga.

Ir-raġel ta’ 48 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, kien segwit minn Malta u twaqqaf mill-Pulizija malli niżel minn fuq il-vapur fil-Port tal-Imġarr, Għawdex.

Minn tfittxija li saret fil-vettura tiegħu, il-Pulizija sabu ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettuża, allegatament kokaina u ħaxixa tal-cannabis. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn instabet iktar droga.

B’rabta ma’ dan l-arrest, aktar kmieni illum, fil-Qorti t’Għawdex, ir-raġel kien akkużat quddiem il-Maġistrat Dr Monica Vella, bil-pussess mhux għall-użu esklussiv tiegħu, tad-droga kokaina u cannabis. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.