Jinżamm arrestat wara li lbieraħ saq għal fuq il-Pulizija

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ raġel li lbieraħ m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija biex isuq b’mod diċenti.
Ir-raġel ta’ 38 sena min-Naxxar allegatament baqa’ dieħel bil-karozza li kien qed isuq f’karozza tal-Pulizija, u meta dawn talbuh biex ma jibqax isuq b’dak il-mod perikoluż, huwa baqa’ sejjer bil-karozza mingħajr ma ta kashom.
Kien hawn xħin il-Pulizija kellhom isuqu għal warajh sabiex irażżnuh mis-sewqan. Eventwalment irnexxielhom iwaqqfuh, iżda mhux wara li laħaq saq b’dak il-mod minn Birżebbuġa, għaż-Żejtun u ż-Żurrieq.
Ir-raġel kien qed isuq b’mod li pperikola ħajjet min seta’ kien fit-triq, billi fost l-oħrajn beda jidħol minn one-ways.
Eskortat fl-għassa, huwa wieġeb li beda jaħrab minn nies armati li għamlu għalih.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, huwa ġie akkużat li rreżista arrest, li hedded u ħebb b’mod aggravat għal uffiċjali tal-Pulizija, u li għamel rapport falz l-għassa.
Il-Qorti nnutat li din ma kinitx l-ewwel darba li rat wiċċ ir-raġel.
Il-Maġistrat instema’ jgħid fil-Qorti li ordni tal-Pulizija trid tiġi obduta mill-ewwel, u li l-Qorti ma tittollerax persuni li jaħsbu li huma ogħla mil-liġi.
L-akkużat baqa’ jinsisti li mhuwiex ħati.