Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li kellu dokumenti foloz

Serb ta’ 33 sena nżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati li wera dokumenti foloz meta mar biex japplika għaċ-ċittadinanza Maltija.
Fil-Qorti, ir-raġel qal li ma kienx konxju li d-dokumenti li ppreżenta lill-Identity Malta kienu foloz u qal li lest li jgħid min tah dawn id-dokumenti.
Madankollu, il-Prosekuzzjoni qalet li kieku ried ir-raġel seta’ jikxef lil din il-persuna meta kien qed jiġi interrogat.
L-avukata tas-Serb talbet il-ħelsien mill-arrest peress li hu miżżewweġ mara li toqgħod Malta u għandhom tarbija.
Minkejja dan, il-Prosekuzzjoni qalet li għad hemm min irid jixhed u faċli li l-akkużat jagħmel kuntatt magħhom.
Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-każ se jkompli jinstema’ nhar it-2 ta’ Mejju.