Jinżamm arrestat wara li darab persuna f’Għawdex

Il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, raġel mill-Marokk ta’ 36 sena u residenti ż-Żebbuġ, Għawdex akkużat li nhar il-Ħadd, għall-ħabta tal-10.30pm, waqt li kien fi Triq in-Naħla ż-Żebbuġ, Għawdex, ħebb u kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq persuna oħra bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigitte Sultana hu ġie akkużat ukoll li ġarr l-istess strument mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika.

Il-Marokkin ġie akkużat ukoll li nhar nhar it-Tnejn, għall-ħabta tal-11am, għamel użu mhux xieraq t’apparat ta’ kommunikazzjoni elettroniku u li hedded persuna oħra bl-istess apparat.

Huwa ġie akkużat ukoll li t-Tnejn għal ħabta ta’ nofsinhar waqt li kien fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex, volontarjament kiser il-bon ordni.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ma ngħatax il-ħelsien millarrest.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.