Jinżamm arrestat wara ġlieda f’Paceville

Student Franċiż se jkollu jibqa’ Malta wara li nżamm arrestat talli weġġa’ lil Malti waqt argument f’Paceville.

L-inċident seħħ fit-3am il-Ġimgħa fit-taraġ ta’ Santa Rita, biswit l-istabbiliment Baystreet.

Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena minn Lyon ipprova jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid lill-Pulizija li kien fis-sakra meta l-allegat vittma ħabat fih.

L-akkużi tal-Franċiż huma li kkawża ġrieħi gravi, li kien fis-sakra fil-pubbliku, u li tellef il-paċi. Huwa ta daqqa ta’ ponn lill-vittma, faqa’ flixkun tal-ħġieġ u tah daqqa bih ukoll.

Il-Franċiż kellu jitlaq minn Malta fil-15 t’Awwissu, iżda ma ngħatax ħelsien mill-arrest peress li m’għandux rabta ma’ Malta, minħabba s-serjetà tal-akkużi, u peress li ħadd għadu ma xehed fil-każ.