Jinżamm arrestat wara ġlieda fi klabb tal-boċċi

CMRU

Read in English.

Raġel ta’ 41 sena minn Ħal Qormi baqa’ jinżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati li weġġa’ lil raġel ieħor b’mod gravi.

Fil-Qorti llum il-prosekuzzjoni qalet li r-raġel li jaħdem għal rasu pprovoka l-argument fi klabb tal-boċċi.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat peress li jekk jispiċċa l-ħabs in-negozju tiegħu kien se jsofri. Skont id-difiża kien l-akkużat li ġie provokat u mhux bil-kontra.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest peress li kien hemm diversi xhieda minn Ħal Qormi li l-imputat faċilment jista’ jkellem. Intqal ukoll li meta wieħed iħares lejn il-fedina penali tal-akkużat wieħed isib li din mhux l-ewwel każ tat-tip li kien involut fih. Skont il-prosekuzzjoni, l-imputat għandu problema bil-mod ta’ kif jikkontrolla r-rabja.

Fi kliem il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ fit-8.15 pm filwaqt li l-akkużat kellu jkun id-dar fis-6 pm minħabba kundizzjonijiet imposti fuqu waqt każ separat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-periklu tal-intraġġ tal-provi u fid-dawl tal-fedina penali tal-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius. Il-Maġistrat kienet Charmaine Galea. L-avukat tad-difiża kien Martin Fenech.