Jinżamm arrestat talli wettaq 2 serqiet

Qorti Newsbook Stock

Raġel suspettat li wettaq żewġ serqiet f’jumejn qed jinżamm arrestat minkejja li hu baqa’ jgħid li mhux ħati fil-qorti.

Ir-raġel ta’ 31 sena tressaq il-qorti llum quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, akkużat li wettaq żewġ serqiet fid-19 ta’ Jannar fil-Gżira u fl-20 ta’ Jannar f’Tas-Sliema. Huwa akkużat b’serq aggravat, li żamm lill-vittmi kontra l-volontà tagħhom u li kellu fil-pussess tiegħu arma bla liċenzja.

Huwa daħal fiż-żewġ ħwienet jistaqsi għall-flus filwaqt li jbeżża’ lin-nies b’sikkina u b’wiċċu nofsu mgħotti. Wara li ħa l-flus u ħareġ mill-ħanut, kixef wiċċu. B’hekk il-pulizija rnexxielhom jidentifikawh permezz tal-filmati meħudin mill-kameras tas-sigurtà. Huwa ġie arrestat fl-appartament tiegħu fil-Gżira.

Allegatament seraq iżjed minn €2,000.

Wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda u qed jinżamm arrestat.