Jinżamm arrestat talli seraq mutur u arloġġ

Miguela Xuereb

Read in English.

Raġel qed jinżamm arrestat minkejja li ċaħad li hedded lil raġel bi flixkun imkisser biex jisraqlu l-arloġġ, li kien jiswa aktar minn €4,500, u li seraq mutur darb’oħra.

Ir-raġel ta’ 37 sena li m’għandux indirizz fiss wieġeb mhux ħati li wettaq dan ir-reat f’Tal-Pietà bejn id-9.30 u l-10am fi Triq Bordin, fit-22 t’Awwissu. Huwa ċaħad li żamm lil raġel kontra l-volontà tiegħu, li heddu bil-vjolenza, u anke li seraq mutur minn Marsaskala fis-16 ta’ Lulju u saqu mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.

L-akkużat wieġeb mhux ħati li hu riċediv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest meta ma rnexxilux jitfaċċa d-Depot meta ntalab jagħmel dan.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-klijent tagħhom ilu 14-il xahar barra mill-ħabs u jinsab f’qagħda tajba. Madankollu, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet din it-talba, partikolarment minħabba l-fatt li m’għandux indirizz fiss.