Jinżamm arrestat talli kien vjolenti mal-eks għarusa tiegħu f’darha

Miguela Xuereb

Raġel inżamm arrestat wara li allegatament daħal fid-dar tal-eks għarusa tiegħu, u refa’ jdejh fuqha wara li rrifjutat li terġa’ tkun miegħu.

In-Niġerjan ta’ 35 sena tfaċċa quddiem bieb l-eks tiegħu fil-Qawra biex joqgħod hemmhekk peress li spiċċa bla saqaf fuq rasu. Huma kellhom relazzjoni xi tliet snin ilu.

Il-Qorti semgħet kif meta din irrifjutat li ddaħħlu, ir-raġel sar aggressiv, u ħebb għaliha sakemm sakkarha ġo darha stess.

L-Ispettur Godwin Scerri mill-Prosekuzzjoni spjega li l-allegata vittma rnexxielha tikkuntattja ħabiba li qalet lill-Pulizija b’li ġara. L-aggressur imbagħad ġie arrestat.

Fil-Qorti huwa ġie akkużat li weġġa’ ħafif lill-vittma mingħajr ma kellu l-intenzjoni li jpoġġi ħajjitha f’periklu, li heddidha, insulentaha, u żammha kontra r-rieda tagħha. Ġie akkużat ukoll li għamel il-ħsara fi propjetà ta’ terzi, u li kiser ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti fl-2018.

Huwa wieġeb mhux ħati, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.