Jinżamm arrestat talli importa 5kg kannabis

Raġel li kien akkużat għax importa 5kg tal-kannabis ma ngħatax ħelsien mill-arrest, minkejja li xehed mhux ħati.

Il-Portugiż ta’ 36 sena kien akkużat ukoll li importa l-kokaina mhux għall-użu personali tiegħu, kif ukoll xi drogi oħra ristretti.

Huwa nqabad mid-Dipartiment tad-Dwana mal-wasla tiegħu f’Malta minn Madrid nhar il-Ħamis li għadda, wara li kelb xamm id-droga li kien qed iġorr. 

Il-Qorti żammet lir-raġel arrestat minħabba li m’għandux rabtiet ma’ Malta. Hija aċċettat it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tiffriżalu l-assi.

Waqt is-seduta, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġibdet l-attenzjoni tal-Avukat Ġenerali, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministru tal-Finanzi li l-kodiċi kriminali tal-liġi u l-liġi fuq id-droga għadhom jirreferu għall-Qorti tar-Reġistrazzjoni, u mhux għad-direttur tal-Asset Recovery Bureau, minkejja li dan l-uffiċċju ilu bil-poter li jikkonfiska u jbigħ il-proċedimenti tal-attività kriminali minn Awwissu. Hija appellat biex ikun hemm bidla fil-liġi li tirrifletti dan l-iżvilupp.