Jinżamm arrestat raġel li wettaq hold-up f’Ta’ Xbiex

Raġel qed jinżamm arrestat taħt l-akkuża li wettaq hold-up f’kafetterija.

Ir-raġel minn Ta’ Xbiex li għandu 26 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ilbieraħ, akkużat li seraq minn CKC Café f’Ta’ Xbiex stess nhar it-Tlieta li għadda. Huwa akkużat ukoll li kien vjolenti, li żamm in-nies kontra r-rieda tagħhom u li kellu sikkina fuqu mingħajr permess. Mara ġarrbet ġrieħi ħfief waqt dan il-hold-up.

Apparti dan, huwa ġie akkużat ukoll li seraq basket fl-14 ta’ Diċembru u anke karozza. Dan kollu allegatament wettqu hu u jiskonta sentenza sospiża mill-2016 u żmien ta’ prova mogħti lilu fl-2017. Għaldaqstant, kien akkużat ukoll li hu reċidiv.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Qed jinżamm arrestat.