Jinżamm arrestat l-akkużat li għen jaħbi l-ġisem ta’ Eleonor Mangion Walker

Read in English.

Ir-raġel akkużat li għen jaħbi l-ġisem ta’ Eleonor Mangion Walker, vittma ta’ każ ta’ vjolenza domestika fl-2016, baqa’ jinżamm taħt arrest wara akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront tiegħu.

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum wara nofshinhar fejn ġie akkużat li kkawża biża’ lis-sieħba tiegħu, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’ħames każi differenti u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. L-istess raġel kien tressaq il-Qorti fl-2017 akkużat li għen fil-ħabi tal-ġisem ta’ Mangion Walker wara li din inqatlet.

L-avukat tad-difiża Ezekiel Psaila qal li l-akkużat, li ġie arrestat fl-10 ta’ Frar fl-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar, kien qed iwieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. It-talba ġiet oġġezzjonata mill-Ispettur Godwin Scerri li qed imexxi l-prosekuzzjoni. Hu qal li l-każ huwa wieħed serju u li l-vittma kienet għadha trid tixhed. L-Ispettur semma wkoll il-ħames każi li għalihom l-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest qabel.

Psaila argumenta li l-allegazzjonijiet fil-konfront tar-raġel fil-passat ma kienx hemm digriet għalihom u għaldaqstant ma kisirx il-kundizzjonijie tal-ħelsien mill-arrest. L-avukat qal li jekk ir-raġel ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest kien se jitlef mat-€80,000 f’depożiti u garanziji personali. Intant, Psaila qal li r-raġel qatt ma kien ra l-arma tan-nar u li din instabet fil-kamra tas-sodda tal-mara.

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat li wieħed għandu jieħu każi ta’ vjolenza domestika bl-akbar serjetà, speċjalment meta l-akkużat jgħix mal-vittma.

Minkejja dan, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor George Axiak sostniet li għandha dubji serji dwar kemm l-akkużat huwa bniedem ta’ min tafda. Intant, il-Maġistrat ħeġġeġ lill-prosekuzzjoni biex fis-smigħ li jmiss tippreżenta x-xhieda kollha tagħha.