Jinżamm arrestat ir-raġel li nqabad bi 18-il kilo droga

L-Ingliż ta’ 53 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar mixli b’importazzjoni u bi traffikar ta’ 18-il kilo eroina u kokaina baqa’ b’ħalqu magħluq fil-Qorti.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras huwa lanqas ikkonferma ismu u lanqas wieġeb fuq l-akkużi. Minkejja li hu baqa’ b’fommu mitbuq il-Qorti qieset li hu mhux jammetti l-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ingliż li nqabad bid-droga hu u ġej minn Katanja qed jiġi akkużat bl-importazzjoni u bit-traffikar tad-droga.
Min-naħa tagħha l-Qorti talbet inventarju tal-ġid kollu tal-akkużat, inkluż flus u proprjetà u ordnat lijiġu ffriżati l-assi tiegħu sakemm jiġi deċiż il-każ.
Huwa nżamm arrestat. Il-każ mistenni jkompli l-ġimgħa d-dieħla.