Jinżamm arrestat ir-raġel tal-filmat li dar online

Raġel li allegatament wettaq serqa minn vettura ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Ir-raġel kien iffilmjat minn residenti f’Tal-Virtù wara li wettaq is-serqa, liema filmat mistenni jkun kruċjali f’dan il-każ. Il-filmat kien dar l-internet li juri r-raġel nieżel jiġri u joffendi lil dawk li kienu qed jiġbdu l-filmat.

AQRA: Filmat: Il-Pulizija bi tfittxija għal allegat ħalliel

Ir-raġel li għandu 46 sena qed jiġi ssupetat li seraq il-flus minn karozza pparkjata f’Tal-Virtù matul il-jum.

Huwa ġie mixli fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli b’serq aggravat. Huwa wieġeb mhux ħati li seraq madwar €20 fi flus kontanti minn karozza pparkjata, li tkellem ħażin fil-pubbliku u li insulta raġel li kien qed jiġri warajh wara l-allegatament serq kif ukoll li kiser żewġ digrieti fejn kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-avukat tad-difiża Alfred Abela talab għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel. Abela sostna li r-raġel kien ta lilu nnifsu minn jeddu. Id-difiża saħqet li l-evidenza kienet diġà ppreservata u għaldaqstant il-Qorti setgħet tordna lir-raġel biex ma jersaqx lejn ir-Rabat jew ikellem lix-xhieda.

Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Robert Vella u Stacy Attard, saħqu li jonqos xhieda pajżana biex jixhdu f’dal-każ filwaqt li ħareġ li l-akkużat mhux ta’ min jafdah.

Għar-raġel dehru l-avukati Alfred Abela, Arthur Azzopardi u Rene Darmanin.