Jinżamm arrestat ir-raġel akkużat b’kompliċità li pprova jaħraq mara

Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li qed ikun mixli b’kompliċità f’attentat ta’ ħruq ta’ mara nżamm arrestat.
Huwa qed ikun akkużat li flimkien ma’ żagħżugħ ta’ 26 sena, it-tnejn minn Ħaż-Żabbar, ipprova joqtol lill-oħt ekssieħba ta’ sieħbu fi Triq Berebis f’Ħaż-Żabbar.
Quddiem l-Imħallef Edwina Grima nstema’ li l-inċident inqala’ fuq xi tfal li ż-żagħżugħ ta’ 26 sena għandu ma’ oħt il-vittma.
Fix-xhieda tagħha l-vittma, f’seduta preċedenti, kienet irrakkontat kif l-akkżuati xarrbuha bil-petrol u pprovaw jaħarquha.
Id-difiża argumentat li ż-żagħżugħ ta’ 21 sena għandu fedina penali netta u li diġà ta x-xhieda tiegħu u għalhekk għandu jinħeles mill-arrest. Madankollu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali argumenta li l-imputat huwa kompliċi ta’ attentat ta’ qtil tal-mara u binha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kriminali qalet li fadal min jagħti x-xhieda tiegħu, fosthom it-tifel tal-vittma. Żiedet tgħid li l-istess tifel qed ibati minn effetti psikoloġiċi minħabba l-inċident.
Għaldaqstant il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.