Jinżamm arrestat għax seraq minn 2 karozzi minħabba d-droga

Read in English.

Raġel li għandu 27 sena tressaq quddiem il-qorti akkużat li seraq żewġ karozzi f’Ħal Qormi, għamel ħsara f’waħda minnhom, kif ukoll li pprova jisraq mit-tielet karozza.

L-akkużat li ntqal li għandu problema ta’ drogi, ġie akkużat ukoll li kiser żewġ sentenzi sospiżi u ordni ta’ probation. Fil-qorti ntqal li karozza ġiet misruqa u oħra saritilha ħsara fil-lejl bejn it-12 u t-13 ta’ Awwissu. It-tieni karozza ġiet misruqa nhar il-15 ta’ Awwissu. Għal dawn l-akkużi, ir-raġel wieġeb mhux ħati u talab għal ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni ma aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-persuni involuti huma kollha mill-istess raħal ta’ fejn jgħix l-akkużat, qal l-ispettur. L-akkużat jaf min huma u dan jista’ jkun ta’ piż kbir fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat kien diġà ngħata numru ta’ opportunitajiet mill-qorti u riċentament ingħatatlu sentenza sospiża. L-ispettur qal li hemm ċans kbir li jwettaq atti kriminali oħra jekk ma jingħatax l-għajnuna.

L-avukat tal-akkużat qalet li r-raġel kien diġà ngħata xi għajnuna iżda sfortunatament reġa’ ntrebaħ mill-vizzju. Hi żiedet li qed ifittex l-għajnuna għal din il-problema għand numru ta’ NGOs.

Il-qorti qalet li mhux se tagħtih ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, speċjalment minħabba l-biża li l-akkużat jiltaqa’ ma’ xi xhieda jew ibiddel xi evidenza. Il-maġistrat ħeġġet lill-amministrazzjoni tal-ħabs biex tagħmel dak kollu neċessarju biex l-akkużat jibda kors ta’ riabilitazzjoni mid-droga.