Jinżamm arrestat għax gidem uffiċjal u prova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni

Immigrant ta’ 16-il sena li gidem uffiċjal waqt li kien fuq xogħolu inżamm taħt arrest. Hu pprova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.

Il-maġistrat semgħet kif għall-4:00pm nhar l-Erbgħa, iż-żgħażugħ tela’ mal-ħadid f’attentat biex jaħrab miċ-ċentru. Il-pulizija ppruvaw iwaqqfuh allegatament billi ġibduh ‘l isfel. Kif ra hekk, sar agressiv. L-avukat tiegħu qal li ż-żgħażugħ għandu bżonn l-għajnuna. Hu pprova jaħrab minn post fejn hu tal-biża minnu nnifsu u ma wettaqx xi attakk terroristiku. Hu allega li liż-żgħażugħ ġibduh minn mal-ħadid minflok ma ħallewh jinżel lura.  

Dan qajjem paniku sħih, li waqtu spiċċa ngidem wieħed mill-uffiċjali. Iż-żgħażugħ ġie akkużat li ħarab minn taħt il-kustodja, irreżista l-arrest b’mod vjolenti, weġġa’ lill-uffiċjal tad-ditenzjoni, kif ukoll li hedded u insulenta l-uffiċjali waqt li kienu qed jagħmlu xogħolhom.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih wara li tkellem mal-avukat tiegħu. Il-qorti ordnat li ż-żgħażugħ jinżamm fit-taqsima taż-żgħażagħ sakemm tinqata’ s-sentenza.