Jinżamm arrestat fuq stupru

Raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ stupru miġjuba fil-konfront tiegħu u inżamm arrestat.

Ir-raġel ta’ 23 sena mill-Maċedonja kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija b’rabta mal-każ. L-Ispettur Clayton Camilleri qal lill-Qorti li huwa nstab fuq il-katamaran fi triqtu lejn Sqallija.

L-allegat vittma għandha 22 sena.

Ir-raġel qal lill-Qorti li huwa jaħdem bħala part-time uffiċjal tas-sigurtà f’kumpanija lokali.

L-avukat tal-akkużat talab għal ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużi jirreferu għax-xahar li għadda, filwaqt li l-vittma kienet diġà tat ix-xhieda tagħha fl-inkjesta maġisterjali li nfteħet ftit wara li seħħ il-każ.

L-avukat sostna li l-akkużat kien ta l-apparat elettroniku tiegħu lill-Pulizija filwaqt li ċċekkja diversi mal-Pulizija fiex wasalt l-investigazzjoni.

Ir-raġel għandu indirizz fiss.

Fl-argumenti għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, l-avukat sostna li r-raġel għandu l-istess ċans ta’ Malti li jaħrab minn Malta. Iżda fil-Qorti ħareġ li r-raġel beda jaħdem fl-aħħar erbat ijiem u d-dettalji tiegħu għadhom ma ġewx irreġistrati mal-awtoritajiet.

Il-prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Camilleri sostniet li r-raġel għandu tifla ta’ 7 xhur u kien impjegat b’mod illegali. Saħaq li huwa kien ilu mfittex ġimgħa qabel ma nqabad fuq il-katamaran lejn Sqallija. Żied jgħid li r-raġel ma għandu xejn li jżommu Malta.

Il-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif l-akkużat ammetta hu stess li kien qed jaħdem illegalment f’Malta, u għaldaqstant ftit għandu rispett lejn il-liġijiet tal-pajjiż.

Għall-akkużat deher l-avukat Lennox Vella.