Jinżamm arrestat fuq akkużi li ta daqqa ta’ ponn lis-sieħba

Raġel qed jinżamm arrestat wara li ta daqqa ta’ ponn lis-sieħba tiegħu meta kellhom xi jgħidu.

Il-Bormliż ta’ 30 sena wieġeb mhux ħati li weġġa’ lis-sieħba tiegħu b’mod ħafif, li insulentaha jew heddidha, li kiser il-paċi u li ġiegħel lill-mara tibża’ mill-vjolenza. Il-vittma għandha 50 sena.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ ġara lbieraħ fil-11.30pm fil-Marsa, wara li l-koppja telqet minn party. L-akkużat kien qed isuq il-karozza tal-mara, meta kellhom xi jgħidu u allegatament taha daqqa ta’ ponn.

Il-mara telqet bil-karozza u r-raġel imxieha għad-dar. Meta kienet qed issuq, il-mara ltaqgħet ma’ roadblock u qalet lill-pulizija dak li ġara.

L-avukatessa li qed tidher għall-akkużat talbet għall-ħelsien mill-arrest. Spjegat li dan kien każ ta’ vjolenza domestika mhux tas-soltu, peress li l-akkużat ipprova jitlaqha diversi drabi, imma l-mara baqgħet tgħidlu biex jibqa’ magħha. Meta eventwalment telaqha, il-mara baqgħet tikkuntattjah.

Qalet ukoll li l-mara tatu daqqa ta’ ponn u hu imbuttaha biss. imbagħaf ħareġ mill-karozza u mexa sakemm għadda għalih missieru. Saħqet li hu mhux interessat li jerġa’ jiltaqa’ magħha.

Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li żżommu arrestat sakemm il-mara tixhed fis-seduta li jmiss.