Jinża’ għarwien ħuta u joħloq fjask fil-Marsa

Raġel li m’għandux fejn jgħix u li s-Sibt li għadda neża’ għarwien ħuta u beda jagħmel mossi offensivi fid-direzzjoni ta’ uffiċjal mara fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati.

Ir-raġel mis-Somalja, u li għandu 22 sena tressaq il-Qorti dalgħodu b’numru ta’ akkużi kontrih fosthom li insolenti żewġ uffiċjali tad-detenzjoni.

Skont dak li nstema’ fil-Qorti r-raġel kien fis-sakra u waddab flixkun vojt tal-birra lejn iż-żewġ uffiċjali qabel ma beda jniżżel il-qalziet.

Ir-raġel qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra f’post pubbliku u li kien ukoll riċediv.

L-għajnuna legali tal-akkużat talbet lill-Qorti sabiex ir-raġel jingħata assistenza psikoloġika sabiex jikkonfermaw li hu f’pożizzjoni li jidher quddiem il-Qorti. Madanakollu din it-talba ma tantx niżlet tajjeb hekk kif l-akkużat deher jitbaqbaq mal-interpretu tiegħu.

Għaldaqstant il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qabbdet psikjatra għall-assessjar tal-akkużat.