Jinvestu mal-440 miljun dollaru fit-tiġieġ biex jiġġieldu l-monopolju

Il-Kumpanija multinazzjonali Amerikana Costco mistennija tkabbar l-operat tagħha billi tinvesti mal-440 miljun dollaru amerikan f’faċilitajiet ta’ tkabbir tat-tiġieġ, dan bil-għan li tiġġieled il-monopolju f’dan is-settur fis-suq Amerikan.

Dan l-investiment mistenni jsir fin-Nebraska u se jkun qed jipprovdi mal-100 miljun tiġieġa, biżżejjed biex tkopri mal-40 fil-mija tal-ħidma ta’ Costco. Din l-inizjattiva se tkun qed tikkompeti direttament mal-ġganti l-oħra f’dan is-settur li qed jieħdu l-maġġorparti tas-suq fosthom Tyson, Pilgrim’s Pride u Perdue.

L-ekonomija Brittanika tkompli taqta’ nifisha

It-tkabbir ekonomiku fir-Renju Unit kompla jnaqqas fl-aħħar xhur tant li f’Ottubru li għadda kien reġistratt tkabbir minimu ta’ 0.1 fil-mija. Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fir-Renju Unit, it-tkabbir naqas għal 0.4 fil-mija fit-tielet kwart tal-2018, meta mqabbel ma’ 0.6 fil-mija fix-xhur ta’ qabel.

L-istess ċifri jindikaw li t-titjieb li ġie rreġistrat fis-sajf kien marbut mat-temperaturi komdi li saħħew l-infieq f’ċertu setturi, liema riżultati kienu biss għal perjodu qasir. L-ikbar kontribut għal din in-negattività fiċ-ċifri hija l-biża’ ta’ Brexit mingħajr ftehim. Din il-biża’ qed ikollha effetti negattivi fuq diversi setturi tal-ekonomija partikolarment dawk marbuta mal-konsum.

F’Ottubru l-ekonomija inġabret xi ftit bis-saħħa tas-servizzi filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-kostruzzjoni u l-manifattura, b’din tal-aħħar tnaqqas 0.9 perċentwali  fl-istess xahar. Anki s-setturi tal-manifattura tal-karozzi u tal-farmaċewtika raw riżultati negattivi,  bi tnaqqas ta’ 6.6 fl-mija u ta’ 5 fil-mija rispettivament.

Facebook tixtri lura mad-9 biljun dollaru f’ishma addizzjonali

Facebook Inc. se tkun qed tixtri lura madwar 9 biljun dollaru f’ishma addizzjonali tagħha stess. Dan sabiex tipprova tikkalma l-mewġ imqanqal mal-investituri hekk kif l-istock esperjenza negattivata fl-aħħar xhur. L-ishma ta’ Facebook din is-sena niżlu iktar minn 22 fil-mija.

Din il-mossa hija somma addizzjonali fuq il-pjan ta’ xiri lura ta’ ishma li ħabbret is-sena li għaddiet li kien laħħaq il-15-il biljun dollaru. Facebook qed ikun investigat fir-Renju Unit wara li Cambridge Analytica kisbet data personali ta’ madwar 87 miljun utent ta’ Facebook.

Fost l-inkwiet li jinsab fih dan il-ġgant tal-intenet hemm prattiċi oħrajn taħt il-lenti fosthom ir-riklami politiċi, l-għidut tal-interferenza barranija f’elezzjonijiet bħal tal-Istati Uniti fl-2016 u r-referendum  ta’ Brexit.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.