​Jinvestu €600 miljun fl-isptarijiet u nixtruhom bi €80 miljun – Muscat

Il-Mexxej  tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-kumpanija Steward Healthcare System se tkun qed tinvesti €200 miljun għalissa, u bi stima ta’ investiment ta’ madwar €600 miljun sa 30 sena oħra.
Waqt attività politika fil-Mosta, Dr Muscat qal li hu minnu li l-poplu Malti se jkollu jħallas €80 miljun lil Steward Healthcare System 30 sena oħra, però qal li dan huwa ftehim tajjeb peress li l-investiment li se jkun qed isir mill-kumpanija tal-Istati Uniti se jkun ferm akbar.
Muscat qal li din il-kumpanija se tieħu f’idejha 30 sena ta’ investimenti. Qal li fi tmiem il-kuntratt, l-isptarijiet iridu jkunu fi stat eċċellenti. Qal li mbagħad il-Gvern ikun jista’ jerġa’ jixtri lura l-isptarijiet għal €80 miljun. Huwa kkritika lill-Partit Nazzjonalista talli qed iħares lejn dan il-ftehim, fi kliemu b’mod “negattiv” u li s-soluzzjoni tiegħu għas-settur tas-saħħa huwa li l-pajjiż jiddejjen.
Skont Muscat il-pajjiż irid ikompli miexi ‘l quddiem u ma jistax jieqaf milli jkompli jattira l-investiment. Qal li l-ammont ta’ xogħol f’Malta qatt ma jista’ jkun iżżejjed. Irrimarka li art li kienet diġà mmarkata biex tinbidel f’fabbriki trid tintuża biex isir tkabbir taż-żoni industrijali. Staqsa jekk dawk li huma kontra din l-espansjoni jridux li l-bini ta’ dawn il-fabbriki jsir f’xi park naturali jew f’xi Belt.
Muscat qal li jinsab kburi li l-Gvern se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet. Ammetta li jkun hemm nies li jaqblu u oħrajn li ma jaqblux iżda qal li l-importanti huwa li l-Gvern ma jibqax wieqaf.
Waqt id-diskors tiegħu Muscat tkellem dwar kif f’Malta ma tantx kien hemm żvilupp fl-imgħoddi, imma f’temp ta’ 50 sena kien hemm bidla kbira. Qal li Malta bdiet tattira kumpaniji barranin biex jaħdmu minn Malta bħal fl-oqsma tal-igaming. Stqarr li Malta se tkompli tiddiversifika l-ekonomija, issa permezz ta’ regolamenti dwar il-muniti virtwali.
Ċittadinanza b’investiment
Dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment (IIP), Muscat qal li l-poplu tah mandat elettorali biex jerġa’ jiġġedded. Spjega li minn kull €100 li jidħlu mill-programm, €30 jintefqu u s-€70 l-oħra jintrefgħu biex isir investiment fil-futur.
Kannabis għall-użu mediku
Dwar ir-riforma fil-qasam tal-kannabis għall-użu mediku, Muscat qal li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li jiftħu għal dan is-settur. Qal li hemm interess qawwi minn kumpaniji barranin biex jaħdmu minn Malta biex jesportaw il-prodotti tagħhom.