Jintramaw tined jekk aktar midruba fil-Libja jinġiebu Malta

Il-Gvern qal li qed jitħejjew diversi pjani għal kull eventwalità skont dak li jista' jinqala' fil-Libja.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, intqal li l-organizazzjonijiet jinsabu lesti biex jarmaw tined sabiex jospitaw in-nies f'każ li f’Malta jkun hawn influss qawwi ta’ nies.
Is-Segretarju Permanenti Mario Cutajar qal li fl-aħħar xhur saru diversi laqgħat bis-sehem ta’ diversi ministeri biex ikun hemm ħsieb għal kull eventwalità.
Jirriżulta li s-sitwazzjoni fil-Libja hi differenti minn dik tal-2011 minħabba li issa qegħdin fiż-żmien tas-sajf u bħalissa m’hemm l-ebda kunsill transitorju.
Intqal li r-Ramadan jispiċċa llum bis-servizzi tas-saħħa jidher li huma kollha preparati hekk kif qed jistennew li aktar nies midruba jiġu Malta.
Tħabbar ukoll li hemm taħdidiet ma’ pajjiżi oħra biex ikun hawn vapuri-sptar.
It-tliet Libjani li ġew Malta dan il-lejl jinkludu tnejn li huma midruba.
Madwar 100 Malti għadhom fil-Libja. Jidher li dawn għażlu huma li jibqgħu hemm u jekk jaċċettaw il-Gvern jidher li se jipprovdi titjira aktar tard illum.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti naqas milli jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar ir-raġel maqbud fil-Libja minħabba “is-sigurtà tal-persuna.”
Is-Segretarju Permanenti ma wigibx lanqas mistoqsijiet dwar jekk f'Malta hawnx politiċi Libjani minħabba s-sigurta tagħhom iżda qal li l-Forzi tal-Ordni qegħdin ikunu kontinwament aġġornati b'dak kollu li qiegħed iseħħ fil-Libja.