Jintlemħu ċ-ċikonji bojod f’Malta

Qatgħa ċikonji bojod intlemħu f’Malta fl-aħħar jiem, bi tnejn minnhom midruba u wieħed b’ċurkett Ġermaniż. B’kollox intlemħu tmienja s’issa f’Malta u sitta f’Għawdex.

BirdLife Malta qalet li din hija xena rari għal Malta. Ilhom li ntlemħu minn nhar il-Ħadd li għadda, fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, in-Naxxar, Ta’ Qali, il-Għargħur, il-Qrendi, Birkirkara u l-Imtarfa.

Tnejn miċ-ċikonji kellhom ġrieħi kkawżati minn senter, wieħed minnhom b’sieq viżibbilment feruta u l-ieħor bi tbajja’ tad-demm fuq żaqqu, siequ u fuq ir-rix ta’ denbu.

Ġie nnutat li għasfur ieħor għandu ċurkett bil-kulur bl-iskrizzjoni A1G60, li BirdLife Malta nnutaw tirreferi għal Ipsheim f’Bavarja fil-Ġermanja. L-eżerċizzju taċ-ċrieket huwa kordinat mill-Istitut tal-Imġiba tal-Annimali Max Planck.

Skont l-ornitologu Natalino Fenech, din hi l-ewwel ċikonja li ġiet mill-Ġermanja.

Fi stqarrija, l-għaqda spjegat li l-għasafar huma probabbilment taħlita ta’ adulti u oħrajn iżgħar, x’aktarx kollha minn Bavarja fil-Ġermanja. Żiedet tgħid li żewġ ċikonji normalment jibqgħu flimkien tul ħajjithom kollha, u gruppi ta’ familji jtiru flimkien fl-immigrazzjoni, bil-kbar jgħallmu liż-żgħar l-aħjar rotot.

L-NGO fakkret li dawn huma għasafar protetti, li l-istaġun tal-kaċċa huwa magħluq, u għalhekk, sparaturi huma illegali f’daż-żmien.

Kull min jilmaħ liċ-ċikonji bojod hu mitlub jikkuntattja lill-BirdLife fuq 21347646 jew 79255697.