​Jintlaqtu żewġ gwardjani waqt li kienu qed jirrappurtaw inċident

Żewġ gwardjani lokali ġarrbu ġrieħi ħfief meta ntlaqtu minn karozza waqt li kienu qed jirrappurtaw fuq ħabta.
L-inċident seħħ ftit qabel il-5 ta’ dalgħodu fi Triq Mikiel Anton Vasalli fil-Gżira.
Waħda mill-gwardjani għandha 52 sena u hija minn Marsaskala filwaqt li l-ieħor huwa raġel mill-Kalkara ta’ 63 sena. Jidher li waqt li kienu qed jirrappurtaw ħabta, l-gwardjani ntlaqtu minn vettura li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 25 sena minn Birkirkara.
Intant wara l-inċident, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Stefan Buontempo filwaqt li awgura fejqan ta’ malajr liż-żewġ gwardjani, faħħar il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-gwardjani lokali li qegħdin jikkontribwixxu sabiex ir-riforma fl-infurzar lokali tkun ta’ suċċess u ssarraf f’servizz professjonali għall-poplu Malti u Għawdxi.