Jintlaqgħu applikazzjonijiet tal-Kinder 2 għal klassi ġdida fi skola tal-Knisja

Is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija se jilqa’ applikazzjonijiet għal subien u bniet li twieldu fl-2012 wara li l-iskola St Francis ta’ Birkirkara se żżid klassi fit-tieni sena tal-kindergarten.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fl-uffiċċju fil-Furjana nhar il-Ġimgħa, bejn id-9.00am u s-1.00pm.
Dan huma għal tfal li ġejjin minn djar tal-Knisja, tfal li għandhom ħuthom jattendu f’xi skola St Francis jew huma ulied impjegati tal-iskola St Francis, u trasferimenti minn kindergarten ta’ St Francis għal dik f’Birkirkara.
L-applikanti għandhom jippreżentaw ċertifikat tal-magħmudija u tal-insinwa tat-tifel jew tifla, ritratt f’daqs ta’ passaport, dikjarazzjoni mill-iskola li t-tfal għandhom aħwa fi skola ta’ St Francis jew li xi ħadd mill-ġenituri li hu mpjegat tal-iskola jew dikjarazzjoni mill-iskola li t-tfal jattendu skola ta’ St Francis għal dawk li jridu japplikaw għal trasferiment. Magħhom hemm ħlas ta' €15.
Is-Segretarjat avża li japplikaw ir-Regolamenti tad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja u li l-postijiet li ma jimtlewx b’dawn il-kriterji jiġu offruti lil min se jagħmel l-għażla ta’ skola skont ir-Regolamenti tad-Dħul.
Avża wkoll li l-polza u r-reġistrazzjoni tal-applikanti tat-tieni sena tal-kindergarten se jittellgħu fid-dati diġà mħabbra imma fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, mhux fl-iskola St Joseph tal-Blata l-Bajda minħabba xogħlijiet li qed isiru hemm. Fl-istess ħin, skuża ruħu ta’ kull inkonvenjent.