Read in English.
Intlaħaq ftehim bejn l-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel u Steward Malta li permezz tiegħu, Steward għandha tkopri l-ispejjeż legali għall-infermiera involuti fi proċeduri legali għal inċidenti li ġraw waqt superviżjoni.
Permezz ta’ dan il-qbil, se jintemmu d-direttivi li kienu taw l-MUMN lill-infermiera, fosthom li pazjenti li jeħtieġu s-superviżjoni ma jitniżżlux mis-sodod u ċ-charting tagħhom ma jinħadimx kollu.
Dan id-diżgwid ġie fid-dawl tal-konsegwenzi legali li jkollhom isofru infermiera minħabba formoli li qed jinħarġu minn Speech Language Pathologists (SLP) li jordnaw assistenza waqt l-ikel għall-pazjenti.
Fi stqarrija, Steward Malta qalet illi l-President Dr Nadine Delicata ddeskriviet il-qbil bħala rebħa sinifikattiva għall-pazjenti u għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Sostniet illi billi jkopru l-ispejjeż legali msemmija, l-impjegati se jħossuhom iżjed protetti meta jagħmlu d-dover tagħhom.
Jumejn ilu, l-MUMN qalet li minkejja li d-Dipartiment tas-Saħħa ammetta diversi nuqqasijiet, mhux se jkun qed jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jassigura lill-infermiera fuq xogħolhom.