Jintlaħaq il-ftehim tant mistenni bejn l-MUT u l-MCAST

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) u l-MCAST qalu li laħqu ftehim dwar il-pakkett finanzjarju li ilhom għal dawn l-aħħa xhur jiddiskutuh, xhur li ma kinux neqsin mit-tilwim bejn iż-żewġ naħat.
Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ entitajiet qalu li l-ftehim intlaħaq wara diskussjonijiet tal-ogħla livell, u issa qed iħarsu ’l quddiem biex jiffinalizzaw id-dokument tal-ftehim kollettiv.
Għal dan jeħtieġ li issa jaqblu fuq numru ta’ kwistjonijiet pendenti, fosthom kif se jsir it-tagħlim, is-servizzi tal-istudenti, u affarijiet tekniċi oħra.
L-MUT u l-MCAST qalu li jħossuhom kunfidenti biżżejjed li mhux se jkun hemm għawġ.
Finalment, qalu li apprezzaw l-interventi tal-Ministru għall-Edukazzjoni, tas-Segretarju Prinċipali Permanenti, tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi, tad-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, u tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industijali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fl-aħħar xhur kien hemm strajk u bosta direttivi oħra mill-MUT diretti lejn l-MCAST, u Newsbook.com.mt kien anki tkellem ma' studenta li qaltilna kif qed tiġi affettwata minn dan kollu.