Jintlaħaq ftehim li jikkuntenta lill-Gvern u s-sidien tal-barrieri

Infetħu b’mod immedjat seba’ barrieri tal-franka fil-limiti taż-Żurrieq li se jibdew jintużaw għall-iskart tal-kostruzjoni, u dan wara li llum il-Gvern laħaq ftehim mas-sidien tal-barrieri dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ spazju għal dan l-iskart.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, José Herrera, ħabbar waqt konferenza tal-aħabarijiet li se jibda jingħata inċentiv finanzjarju fiskali lil dawk l-operaturi li jilqgħu dan l-iskart.
Sa issa, l-operaturi kienu jisseparaw l-iskart sabiex ikunu jistgħu jirriċiklawh, u dan kien ifisser aktar piżijiet li jgħadduhom għal fuq il-kuntratturi, li min-naħa tagħhom jgħadduhom għal fuq il-konsumatur.
Issa se jkun qed jinħareġ nċentiv fiskali li jippermetti lill-istess operaturi illi jagħżlu li flok iħallsu bir-rata normali ta’ taxxa, tapplika konċessjoni u jħallsu bl-10% taxxa għal kull tunnellata ta’ skart ta’ kostruzzjoni li jirċievu fil-barrieri tagħhom. Il-prezz ma jaqbiżx il-€5.50c fuq kull tunnellata. Dan l-inċentiv jibqa’ japplika sa tliet snin.
Il-Gvern mistenni jfassal ukoll regolamenti ġodda li jagħtuh il-poter li juża dawk l-ispazji vojta biex fihom jilqa’ l-iskart tal-kostruzzjoni. L-Awtorità għall-Ambjent (ERA) infurmat lil dawn is-sidien sabiex ikun aċċertat li jilqgħu l-iskart ta’ ħaddieħor, filwaqt li min ma jaċċettax, il-Gvern għandu d-dritt jintervjeni.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut