Jintlaħaq ftehim għall-koalizzjoni fil-Ġermanja

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel se tkun qed tifforma r-raba’ Gvern Ġermaniż hekk kif is-Soċjalisti vvutaw favur il-koalizzjoni.
L-SPD kien maqsum bejn it-tmexxija tal-Partit u l-fazzjoni radikali żagħżugħa, hekk kif dawn tal-aħħar kienu kontra li jissieħbu fil-koalizzjoni.
Merkel ilha fit-tmexxija għal 12-il sena. Fi tweet hi ferħet lill-SPD dwar il-vot filwaqt li se tkun qed tħares ’il quddiem biex jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Ġermanja. 
Il-votanti fi ħdan l-SPD ivvutaw 66% favur il-koalizzjoni.
L-għadd tal-voti sar matul il-lejl ġewwa l-kwartieri tal-partit f’Berlin.
Iċ-Ċermen tal-SPD Olaf Scholz iddikjara li issa huwa iktar ċar li l-SPD se jkun parti mill-gvern li jmiss.
Merkel se tkun affaċċjata b’numru ta’ sfidi, inkluż oppożizzjoni b’saħħitha mill-Partit Alternattiva għal Ġermanja (AfD).
L-AfD huwa kontra l-immigranti u ġab ftit iktar minn 12% tal-voti u b’hekk daħal fil-parlament għall-ewwel darba.
L-SPD ġab l-agħar riżultat fl-elezzjonijiet u weħħlu dan fuq il-koalizzjoni li kellhom mal-Kristjani Demokratiċi ta’ Merkel.