Jintlaħaq ftehim għal riabilitazzjoni ta’ miżbla f’Ħal Luqa

Art ta’ madwar 85,000 metru kwadru f’Ħal Luqa, li ilha tintuża bħala miżbla, se tiġi rijabilitata għal skopijiet oħra. Dan il-ftehim intlaħaq bejn l-entitajiet Malta Industrial Parks u Wasteserv.

Dan il-proġett se jintroduċi attivitajiet bħal landfill mining, fejn żoni differenti fil-miżbla se jiġu trattati b’mod differenti minħabba li jkunu jeħtieġu trattament differenti. Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona saħaq kif huwa d-dover tal-Gvern li din l-art pubblika tintuża għal skopijiet siewja.

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera sostna li din l-art ser tiġi riġenerata għal skop ta’ afforestazzjoni, faċilitajiet sportivi u industrijalizzazzjoni b’infrastruttura ħadra. Spjega wkoll li se jitranġa ċ-Ċentru għall-Iskart Goff li hemm eżistenti f’dan is-sit u kif jitlesta dan il-proġett jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku. Il-proċess mistenni jitlesta fi żmien sentejn.