Jintlaħaq ftehim għal gvern ta’ koalizzjoni fil-Ġermanja

Intlaħaq ftehim bejn il-Partit Konservattiv, is-CDU, tal-Kanċillier Angela Merkel, u dak taċ-ċentru xellugi ta’ Martin Schulz, l-SPD , sabiex jiġi ffurmat gvern ta’ koalizzjoni fil-Ġermanja.
Jidher li l-ftehim għall-koalizzjoni ntlaħaq wara lejl ta’ diskussjonijiet, iżda dan il-pass kien ilu meħtieġ mill-elezzjoni ta’ Settembru li għadda, meta l-partit ta’ Merkel ġab l-aktar siġġijiet fil-Parlament, iżda ma rebaħx il-maġġoranza assoluta.
Dakinhar il-Kanċillier kienet qalet li tippreferi terġa’ ssejjaħ elezzjoni oħra milli tmexxi gvern ta’ minoranza.
Ġie maqbul li l-SPD jieħu f’idejh il-ministeri għall-affarijiet barranin, tal-finanzi u tax-xogħol, filwaqt li s-CDU jieħu ħsieb id-difiża u l-ekonomija.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li d-dokument tal-koalizzjoni kien fih 170 paġna, u dan jista’ jindika l-pożizzjoni soda li ħa l-partit ta’ Schulz fil-konfront tal-alleati l-oħra fil-gvern akbar minnu.
Sadanittant, Schulz ħabbar li se jirriżenja minn mexxej tal-SDP sabiex jingħaqad mal-gvern il-ġdid.
Qed jingħad li dil-koalizzjoni se ġġib xi bidliet, hekk kif Schulz kien qal li l-partit tiegħu mistenni jtemm miżuri ta’ awsterità sfurzati, u l-fatt li l-Ministeru tal-Finanzi se jaqa’ taħtu, aktarx ineħħi politiki li kienu mistmerra minn stati fiż-Żona Ewro.
Minkejja dan il-ftehim għadu ftit ’il bogħod milli jiġi rratifikat, għax jista’ jixxekkel minn moviment qawwi fl-aħħar xhur minn persuni membri fil-partit tal-SDP, li mhuma xejn kuntenti b’dil-koalizzjoni, li talbu lin-nies jingħaqdu mal-partit biss kemm jivvutaw kontra dal-ftehim.