Jintlaħaq ftehim ġdid mal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel

Intlaħaq ftehim mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li se jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-Infermiera u l-Qwiebel u li permezz tiegħu se jgawdi l-pazjent.

Il-Ministru għas-Saħħa l-Anzjani u Kura fil-Komunità Dr Joe Cassar ippresjeda l-iffirmar tal-ftehim mal-MUMN. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fil-proċess, li kien wieħed impenjattiv minħabba t-tibdil radikali li ħoloq. Dan il-fethim se jinċentiva il-professjonisti biex jispeċjalizzaw fil-qasam tagħhom filwaqt li se jippremja l-esperjenza tal-istess professjonisti.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-professjonisti se jkunu jistgħu jieħdu promotion anke jekk jixtiequ li jibqgħu jaħdmu direttament mal-pazjent. Dan il-pass se jkun ibbażat fuq l-esperjenza u fuq il-livell edukattiv.

Il-President tal-MUMN, is-Sur Paul Pace, irringrazzja lill-Prim Ministru, lill-Ministru Joe Cassar u lill-Ministru Tonio Fenech għall-impenn tagħhom sabiex dan il-ftehim storiku seta’ jidħol fis-seħħ. Hu qal li minħabba il-bidliet radikali li dan il-ftehim ġab miegħu, id-diskussjonijiet relatati kienu twal u impenjattivi. Hu qal li issa qed niftħu fruntieri ġodda għall-infermiera u l-qwiebel u li minn dan kollu l-aktar li se jgawdi hu propju il-pazjent.