Jintlaħaq ftehim dwar il-prezz tal-maskri u visors – Kamra tal-SMEs

Miguela Xuereb

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħabbret li ntlaħaq ftehim li se jwassal sabiex l-ispiżeriji jkunu jistgħu jbigħu l-maskri u l-visors skont il-prezz imħabbar mill-Gvern ilbieraħ.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-SMEs spjegat li dan se jkun possibbli minħabba pakkett ta’ kumpens li ntlaħaq ftehim fuqu llum. Il-kumpens se jkun qed jassigura li s-sidien tal-ispiżeriji ma jagħmlux telf fejn jidħol il-bejgħ tal-maskri u l-visors.

F’dikjarazzjoni ppubblikata dalgħodu fuq Facebook, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li ridet tinforma lill-Ministru Schembri li l-maskri u l-visors li jbigħu jiġu mingħand fornituri differenti li huma liċenzjati. Insistiet li l-ispiżjara m’għandhom l-ebda kontroll fuq il-prezzijiet tal-maskri għax dawn huma prezzijiet fissi tal-fornituri.

Ilbieraħ, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal fuq Facebook li l-prezzijiet massimi tas-surgical masks u tal-face shields se jiġu stabbiliti b’avviż legali. L-avviż daħal fis-seħħ mil-lum. Hu ħabbar li l-ogħla prezz tas-surgical masks se jkun ta’ €0.95 filwaqt li dak tal-face shields ma jistax jaqbeż il-€5.

Il-Kamra tal-SMEs qalet li ladarba ntlaħaq dan il-ftehim, l-ispiżeriji m’għadhomx projbiti milli jbigħu dawn il-maskri. Qalet li ftehim ġie wara diskussjonijiet bejn Paul Abela u Mario Debono mis-sezzjoni tal-healthcare fil-Kamra tal-SMEs u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

Intqal li Schembri assigura wkoll li se jkun hemm reviżjoni tar-rata tal-VAT fuq il-Personal Protective Equipment (PPEs), sabiex dawn ikunu wkoll jistgħu jinxtraw mill-pubbliku ġenerali għal prezz irħas.

Intant, insistew li l-ispiżjara u l-ispiżeriji qed jassiguraw li l-prodotti li huma ttestjati se jinbigħu. Il-Kamra tal-SMEs fakkret lil kulħadd li maskri huma oġġetti mediċi u għandhom jinbigħu biss minn dawk liċenzjati biex jagħmlu dan u jaqgħu taħt il-kodiċi NACE relevanti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn