€2.25 biljun għal Malta mill-baġit Ewropew – PM

Aġġornat 08:59 PM

Read in English.

Malta kisbet €2.25 biljun f’fondi Ewropej wara li lbieraħ intlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar pakkett finanzjajrju li jiżboq €1.82 triljun. Intant, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta kisbet riżultat tajjeb f’dan il-baġit Ewropew.

Il-ftehim intlaħaq wara erbat ijiem u ljieli ta’ negozjati dwar aspetti varji ta’ dan il-ftehim.

Filwaqt li d-dettalji dwar dan il-ftehim għadhom iridu jiġu ippublikati fl-intier tagħhom, permezz ta’ post fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-ftehim kien l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta. 

Intant fuq Twitter, il-Prim Ministru Abela qal li huwa riżultat kbir tajjeb għal Malta.

Aktar tard, il-PM Abela ħabbar li l-pakkett ta’ fondi li ġejjin lejn Malta jammontaw għal €2.25 biljun. Hu sostna li “€2.25 biljun li se jissarrfu f’iktar investiment għall-ekonomija u ċ-ċittadini kollha tagħna.”

Ksibna l-ikbar allokazzjoni ta' fondi Ewropej għal Malta u Għawdex. €2.25 biljun li se jissarrfu f'iktar investiment għall-ekonomija u ċ-ċittadini kollha tagħna.MaltaGov

Posted by Robert Abela on Tuesday, July 21, 2020

Għall-ħabta tal-5.30am, il-President tal-Kunsill Charles Michel ħabbar li kien intlaħaq il-ftehim. Il-ftehim issa jrid jiġi ratifikat mill-Parlament Ewropew. 

L-MDA tifraħ lill-Gvern

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin ferħet lill-Gvern għal dan l-akkwist għal Malta. Hija appellat biex il-partijiet kollha jaħdmu biex jużaw il-fondi għal aktar ħolqien tax-xogħol. L-MDA insistiet li l-implimentazzjoni tal-baġit jiddependu mill-effiċjenza tal-awtoritajiet tal-gvern. Huma għalhekk siednu lill-Gvern biex jiżgura li dawn ikunu mmexxija minn eżekuttivi kapaċi, determinati u kompetenti.

“Riżultat eċċezzjonali għal Malta”

Il-Prim Ministru ddeskriva l-ftehim bħala riżultat eċċezzjonali u nnota li din hija l-ikbar allokazzjoni li qatt saret għal Malta b’sitt allokazzjonijiet speċjali. Qal li dan huwa aktar sinifikanti meta wieħed iqis il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin. Dan hekk kif il-fondi allokati lil Malta għas-snin 2021-2027 huma ħafna ogħla minn dawk miksuba fi Frar tal-2013 għall-perjodu 2014-2020.

Wara l-itwal u l-aktar negozjati intensivi dwar il-Baġit tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela nnegozja pakkett ta’ €2.25 biljun għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin. Dan jinkludi €1.923 biljun mill-baġit tal-UE (QFS), kif ukoll €327 miljun mill-għotjiet tal-Istrument ta’ Rkupru li għadu kif ġie stabbilit, magħruf bħala Next Generation EU. Dan l-ammont ma jinkludix l-element tas-self.

Kien spjegat li dan il-ftehim huwa iktar importanti fil-kuntest tal-ħruġ tat-tieni l-akbar kontributur nett għall-Baġit tal-UE. It-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea wara kważi 50 sena se jwassal għal telf ta’ €75 biljun għall-Baġit tal-Unjoni Ewropea matul is-seba’ snin li ġejjin.

Il-President Michel laqqa’ Kunsill Ewropew Speċjal bejn is-17 u l-21 ta’ Lulju fejn ippreżenta t-tieni ‘negotiating box’. Matul il-laqgħa u l-marġini tagħha, il-Prim Ministru kellu diskussjonijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew u Kapijiet oħra tal-Gvernijiet Ewropej biex jispjega l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ Malta, fejn spjega li minkejja l-andament ekonomiku qawwi tagħha f’dawn l-aħħar snin, Malta, bħala gżira żgħira fl-Unjoni Ewropea, għandha sfidi uniċi li huma differenti minn dawk ta’ Stati Membri oħra.

Il-ftehim tal-lum fil-Kunsill Ewropew Speċjali jfisser li Malta:

  • kisbet total ta’ €842 miljun f’fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Dan l-ammont, li ma jinkludix €92 miljun f’fondi addizzjonali oħra għar-REACT-UE (Politika ta’ Koeżjoni) mill-Istrument ta’ Rkupru, huwa minn tal-inqas €66 miljun aktar minn dak li kisbet Malta fi Frar tal-2013 għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020.
  • Għall-agrikoltura, Malta kisbet €191 miljun li jfisser €53 miljun – (jew 38%) aktar mill-2014-2020. B’kollox, skont il-politika tradizzjonali tal-UE dwar il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Agrikoltura, li jammontaw għal madwar 60% tal-Baġit totali tal-Unjoni Ewropea, Malta kisbet €1.125 biljun, meta mqabbel ma’ €793 miljun minn dak li kienet tikseb bil-proposta tal-Kummissjoni tal-2018.

Il-Gvern iddeċieda li ammont minimu ta’ 10% tal-allokazzjoni skont il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Agrikoltura jmorru għal Għawdex.

Strumenti u programmi ewlenin oħra għal Malta jinkludu Erasmus+; il-fondi ta’ migrazzjoni, fruntieri u sigurtà; u programmi ambjentali. L-allokazzjoni ġenerali indikattiva li Malta se tirċievi taħt il-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali għas-snin 2021-2027 hija stmata li tkun €1.923 biljun. Dan mhux biss jitqabbel tajjeb mal-ftehim ta’ Frar 2013 għas-snin 2014-2020 iżda saħansitra huwa €795 miljun ogħla. Barra minn hekk, Malta se tibbenefika minn €327 miljun f’għotjiet mill-Istrument ta’ Rkupru biex jassisti fl-isforz ta’ rkupru. Il-Gvern għandu wkoll l-għażla li jaċċessa l-element tas-self jekk jixtieq li jagħmel dan.

Il-Prim Ministru ta ħajr lil dawk kollha li kienu involuti fix-xhur ta’ negozjati kkumplikati u diffiċli ħafna li wasslu għall-pakkett finali ta’ Malta. Huwa saħaq li l-Gvern se jagħmel l-almu tiegħu sabiex ir-riżultat tal-lum jiġi tradott fi programmi u proġetti biex nikkonsolidaw aktar investimenti fl-ekonomija u ċ-ċittadini tagħna.

Rappurtaġġ addizzjonali ta’ Nicole Borg, Beppe Galea