Aġġornata (3): Jintlaħaq ftehim biex tiżdied il-paga minima

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali sabiex tiżdied il-paga minima nazzjonali.
Fi stqarrija, maħruġa mill-Gvern intqal li dan huwa l-ewwel ftehim simili bejn l-imsieħba soċjali kollha mill-1989, meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu tal-COLA li jinkludi mhux biss żieda fil-paga minima iżda wkoll żidiet oħra u mekkaniżmu ta’ kif il-paga minima se tkun riveduta fis-snin li ġejjin.
Dr Muscat qal li din hija ħolma li qed issir realtà wara li din il-ġimgħa ġie rreġistrat surplus ta’ aktar minn €100 miljun.
Innota li l-Oppożizzjoni diġà qalet li se tkun qed taqbel ma’ dan il-ftehim u għalhekk se tkun mistiedna għall-iffirmar.
Il-ftehim se jiġi ffirmat nhar il-Ġimgħa li ġej.
"Tappella għal żieda ta' 11% mifruxa fuq tliet snin"
Kampanja Paga Minima Diċenti (KPMD) qalet li tilqa’ l-ftehim li se jwassal biex għall-ewwel darba f’madwar erbgħin sena, il-paga minima f’Malta se togħa.
Fi stqarrija, tenniet it-talba tagħha għal żieda ta’ 11% tal-paga minima mifruxa fuq tliet snin. Żiedet tgħid li b’hekk iż-żieda li tingħata tkun ġenwina u ġusta.
Temmet tgħid li l-ekonomija b’saħħitha li hawn żgur tiflaħ għal żieda daqshekk prudenti.
“Pass li juri maturità” -PN
Il-Partit Nazzjonalita qal li jilqa’ l-ftehim b’sodisfazzjon u li jappoġġjah.
Fi stqarrija, il-PN qal li dan huwa pass li juri maturità kemm mit-trade unions kif ukoll mill-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Temm jgħid li l-ħaddiema bil-paga minima jixirqilhom li l-paga tiżdied.
"Ħerqana biex naraw id-dettalji ta' dil-proposta"
Il-Partit Demokratiku qal fi stqarrija li filwaqt li jilqa' dan il-ftehim, jaqbel għalkollox ma' dak li qalu tal-Kampanja Paga Minima Diċenti, jiġifieri li l-paga minima tiżdied bi 11% mifruxin fuq tliet snin.