Jintlaħaq ftehim biex jieqaf l-isparar fis-Sirja

Intlaħaq ftehim sabiex jieqaf il-ġlied u l-isparar f’partijiet fil-Lbiċ tas-Sirja, mifnija bil-kunflitti.
Il-ftehim sar bejn l-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ġordan wara xhur ta’ negozjati bejn it-tliet pajjiżi.
L-inħawi li sippost se jieqaf fihom il-ġenn tal-gwerra huma Daraa, Quneitra u Suwayda.
Minkejja dan, aktarx fazzjonijiet li jinsabu fil-kunflit, bħall-Al-Qaeda, mhux se jirrispettaw il-ftehim, u se jkomplu bil-mixja qerrieda tagħhom.
Filwaqt li r-Russja qalet li l-forzi alleati tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, se jonoraw il-ftehim, l-Amerka sostniet li kemm al-Assad kif ukoll familtu m’għandhomx post fil-futur tas-Sirja.
Dan mhuwiex l-ewwel ftehim tax-xorti tiegħu. Is-sena l-oħra kien intlaħaq ftehim bejn il-Gvern Sirjan u r-ribelli, iżda nkiser ftit sigħat wara.
L-uffiċjali għadhom ma ħarġux dettalji dwar il-ftehim tal-lum.