Jintlaħaq ftehim bejn ir-ribelli u l-Gvern fis-Sirja

Il-grupp fil-kontroll tal-aħħar difiża tar-ribelli viċin Damasku ilbieraħ waslu għal ftehim bejn il-militanti u l-Gvern, jew inkella jitilqu mit-territorju tal-Lvant ta’ Ghouta fis-Sirja.
Jaish al Islam li għandha l-maġġoranza tal-membri tagħha ġejjin miż-żona, kienu ilhom jiddefendu l-belt ta’ Douma mill-Gvern u l-forzi armati tiegħu matul dan l-aħħar xahar.
Madanakollu jidher li ċ-ċediment jew it-tluq tagħhom jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-kunflitti kbar li hemm għaddejja bħalissa.
Skont midja tal-pajjiż, il-ftehim se jwassal ukoll lir-ribelli sabiex iċedu wkoll l-armi tagħhom li l-aktar jistgħu jagħmlu ħsara.
Il-militanti li kienu qed jiġġieldu kontra l-armata Sirjana qalu li fost it-termini tal-ftehim, hemm ukoll it-twaqqif ta’ Kunsill Lokali approvat mill-Gvern Sirjan li se jkun qed jieħu ħsieb il-belt malli jitilqu minnha r-ribelli.
Qed jingħad ukoll li kumitat immexxi mir-Russja u rappreżentanti mit-Turkija u l-Iran, it-tliet pajjiżi li bdew żoni ta’ deskalazzjoni madwar is-Sirja se jkunu responsabbli li jagħtu lill-istat, il-priġunieri tal-gwerra li nħatfu mir-ribelli.
Ritratt: Reuters