Jintemmu l-illegalitajiet tar-ristorant fil-Qrendi

Google Maps

Read in English.

Il-qorti superjuri tal-appell ikkonfermat sentenzi li jordnaw li jitwaqqaf l-operat tar-ristorant Ta’ Ħaġar Qim. Ir-ristorant kien inbena b’mod illegali u kien ilu miftuħ 14-il sena.

Il-każ imur lura għall-2005, meta l-eredi ta’ Giuseppa Magri mill-Qrendi fetħu każ il-qorti kontra Jane Cini minħabba għalqa b’xi strutturi fiha li kienet kriet mingħand Magri. L-għalqa kienet qrib tat-tempji ta’ Ħaġar Qim, il-Qrendi. Wara snin, Cini rranġat l-istrutturi li kellha u baqgħet sejra sakemm fetħet ristorant. Dan għamlitu mingħajr ma ħadet permess mingħand sid l-għalqa.

L-avukat tal-familja Magri kien ippreżenta applikazzjoni quddiem il-qorti fl-2005, jitlob biex l-art tingħata lura lill-familja. L-avukati ta’ Cini argumentaw li l-kirja kienet protetta mill-Ordinanza dwar it-Tiġdid tal-Propjetà Urbana, relikwa legali tal-liġijiet ta’ riforma tal-kera ta’ qabel l-1995 u kif ukoll li l-familja Magri kienet taf bil-bidliet strutturali li saru.

Wara li t-talba tal-familja Magri ġiet ikkonfermata, Cini kienet ressqet appell li fl-2017, kienet tilfet. Hi kienet applikat biex il-proċess isir mill-ġdid wara li qalet li l-liġi ġiet applikata b’mod żbaljat u li b’hekk is-sentenza kienet riżultat ta’ dan l-iżball.

Il-qorti eżaminat id-duttrini legali rilevanti dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni ħażina tal-liġi u l-interpretazzjoni ħażina tagħha, u qalet li sabiex terġa’ tiġi ordnata prova mill-ġdid, il-qorti trid tkun applikat il-liġi ħażina u mhux għax applikat il-liġi t-tajba b’mod ħażin.

Il-qorti ċaħdet it-talba li jsir il-proċess mill-ġdid u ordnat li l-ispejjeż jitħallsu minn Cini. L-art ġiet ordnata biex tingħata lura lill-familja Magri.