Jintemm uffiċjalment il-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI

Wara tminn snin fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika, il-Papa Benedittu XVI temm b’mod uffiċjali l-Pontifikat tiegħu. B’hekk, il-Vatikan issa jinsab fi stat ta’ “Sede Vacante”. Dan sakemm il-Kardinali jiltaqgħu fil-Konklavi biex jaħtru Papa ġdid.

Mat-tmiem dan il-pontifikat fit-8pm, il-gwardji Svizzeri ssiġillaw l-appartament tal-Papa u nqered iċ-ċurkett, kif inhi l-proċedura ta’ meta jmut Papa.

Id-data tal-konklavi għadha mhix magħrufa. Iżda wara li l-Papa għamel tibdiliet fil-liġi, il-Kardinali m’għandhomx għalfejn jistennew 15-il jum wara r-riżenja tiegħu biex jaħtru Papa ġdid.

Benedittu XVI ħabbar li se jirriżenja lura fil-11 ta’ Frar, b’aħbar li wasslet b’sorpriża.

Iktar kmieni, Benedittu XVI irringrazzja lill-poplu u ta l-aħħar tislima tiegħu bħala Papa permezz ta’ barka. Qal li issa, ladarba mhux se jkun Papa, huwa sar ‘sempliċi pellegrin’.

Agħfas fuq il-buttuna ‘audio_ger’ biex tagħżel il-lingwa li biha tixtieq tisma’ il-kummentarju.